Il Harsa Ta Ruzan Essay Contest

Noti għas-sillabu tal-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja

Klabb Kotba Maltin ħaseb biex l-istudenti  tal-Malti u l-għalliema tagħhom fil-Livell taċ-ĊES ikollhom f’idejhom l-aħjar għodda biex iħejju ruħhom għall-eżami. Il-ktieb li għandek f’idejk jinkludi t-test sħiħ ta’ Il-Ħarsa ta’ Rużann, ir-rumanz ta’ Francis Ebejer li l-kandidati kollha jridu jwieġbu dwaru. Maġenb kull paġna tat-test, issib paġna b’noti ddettaljati miktuba minn Marco Galea, senior lecturer fl-Università ta’ Malta, li jispjegaw in-nisġa, it-teknika li juża l-kittieb u l-kuntest storiku u soċjali tar-rumanz. Mingħajr l-użu ta’ wisq lingwaġġ tekniku, dawn in-noti jdaħħlu lill-qarrej fid-dinja ta’ Francis Ebejer u jmexxuh biex jifhem aħjar dan ir-rumanz qasir.

IL-ĦARSA TA’ RUŻANN, mara misterjuża, qalbiena, Maltija sabiħa, mimlija bl-imħabba u b’dak l-għerf ta’ qabel żmienu; bil-wirt tal-art; b’dak li jagħmel sehem mill-imgħoddi, minn żmienha u minn ġenerazzjonijiet li għad iridu jfiġġu fuq wiċċ dawn il-gżejjer Maltin...Il-ħarsa ta’ Rużann tinsab fil-fond ta’ għajnejk stess (u min jaf ta’ kemm għajnejn oħra ta’ issa u tal-ġejjieni).

Int li int ta’ demmha u ta’ laħamha. Malti bħalha.

Daqskemm il-kunjom l-ieħor li beżgħet ittebbgħu, ħafna aktar baqgħet tħobb sid dak il-kunjom. U bil-ħarsa ta’ Rużann f’għajnejk inti tara l-ġid, u l-ġid in tiflih sew u twieżnu fid-dawl tal-ħarsa ta’ dawk l-għajnejn ta’ darba, fi żmien imbiegħed, imma żmien li Rużann, flimkien mal-maħbub tagħha, kienet tatu tifsira speċjali.

Żmien li kellu jiftaħ u jwelled żmien aħjar.

Lil Rużann tibqa’ dejjem tħossha fik, u bil-ħarsa tagħha f’għajnejk hi tibqaċ turik u tnebbħek il-ħin kollu – jekk mhux bl-għarfa tal-kotba, b’xi ħaġa aqwa: bil-lehma ta’ qalb tħabbat mal-qalba, mar-ritmu tan-natura Maltija.

Tiftaħlek beraħ il-wesgħat tal-għerf u tal-mogħdrija, biex b’hekk, mal-milja taż-żmien, għandu mnejn jiġu mxejna l-ġuħ, il-għaks, il-mibgħeda, in-nuqqas ta’ ftehim fost niesek, in-nuqqas ta’ rieda tajba lejn art twelidek.

Silta mir-rumanz

X’jaħsbu l-istudenti?

Kummenti ta’ xi wħud:

“Lili r-rumanzett għoġobni ħafna, minħabba l-mod kif inhu miktub. L-aktar ħaġa li għoġbitni dwar dan ir-rumanzett hi l-mod ta’ kif Francis Ebejer joħroġ l-istorja ta’ Malta permezz tad-diversi karattri.  Għalkemm xi drabi l-awtur juża kliem tqil, huwa jagħżel kull kelma perfettament biex taqbel mal-ħsieb tiegħu. Ir-rumanz iġiegħel lill-qarrej biex jaħseb fuq l-istorja ta’ pajjiżu, u b’hekk iġiegħlu japprezza aktar dak kollu li hu Malti. Dan ir-rumanzett iqajjem diskussjonijiet interessanti, kemm waqt il-lezzjonijiet, u anke fil-kitba tal-komponiment letterarju.”  – Kristina Bartolo, Skola St Joseph, Tas-Sliema.

“Nista’ ngħid li wara li qrajt dan ir-rumanzett, bdejt napprezza verament il-passat iebes tal-Maltin u dak kollu li għaddew minnu sabiex Malta ssir dak li hi llum, pajjiż ħieles u indipendenti. Bis-saħħa ta’ dan ir-rumanzett, sirt ngħożż l-identità tiegħi bħala Maltija u l-valuri sodi bħad-determinazzjoni, il-perseveranza u l-bżulija tal-poplu Malti. Jien dak li jien bis-saħħa ta’ dak kollu li għaddew minnu missirijietna. Kburija li writt identità tassew rikka b’għeruq fondi.”  – Marta Cachia, Skola St Joseph, Tas-Sliema.

“Personalment, qabel ma konna għamilna dan ir-rumanz fil-klassi u studjanieh sew, jiena ma kontx napprezza li jiena Maltija u li ngħix Malta. Meta għall-ewwel bdejna naqraw Il-Ħarsa ta’ Rużann ma tantx sibtu faċli biex nifhmu iżda wara ftit lezzjonijiet bdejt nitgħallem ħafna minnu dwar il-Maltin u minn xiex kellhom jgħaddu l-antenati tiegħi.B’hekk sirt napprezza dak kollu li nara madwari, li hu Malti, u llum insibni aktar aġġornata dwar l-istorja ta’ pajjiżi. Inħossni kburija li jien Maltija għaliex ir-rumanz għinni nifhem kemm kellhom triq twila l-Maltin ta’ qabel biex jemanċipaw ruħhom u jaslu sa fejn aħna llum. Inħoss tassew li jien għaddejt minn esperjenza straordinarja u emanċipajt ruħi jien ukoll minħabba dan il-ktieb u x’tgħallimt minnu. Verament ma ndunajtx kemm kien qed jidħol xorti ġo moħħi u kemm kont qed insir napprezza aktar lill-identità tiegħi bħala Maltija!”  – Angele Galea Cesareo, Skola St Joseph, Tas-Sliema

“Ir-rumanzett ‘Il-Ħarsa ta’ Ruzann’ jittratta dwar l-emanċipazzjoni Maltija, immanifestata f’karattri fittizji u l-kontinwità tal-emanċipazzjoni tal-Maltin. Huwa rumanzett imżewwaq b’Malti mirqum li huwa kemxejn diffiċli biex tifhmu. Madankollu huwa rumanzett li jgħin lilna l-istudenti nagħrfu u napprezzaw l-identità tagħna u nintebħu bit-tbatija li għaddew minnha l-antenati tagħna. Għaldaqstant aħna frott il-passat u Ebejer joħroġ l-element tal-kontinwità; ir-rabta tal-passat mal-preżent u mal-futur. Ir-rumanzett jispiċċa bil-kliem ‘BLA TMIEM’ għaliex metaforikament, il-ħarsa ta’ Rużann qiegħda f’kull wieħed u waħda minnha u din il-ħarsa tieqaf biss meta l-eżistenza tal-Maltin tispiċċa. Ir- rumanzett ta’ Francis Ebejer, ‘ Il-ħarsa ta’ Rużann’ jgħn lill-istudenti japprezzaw l-identità tagħhom stess.”  – Caroline Vassallo, Skola St Joseph, Tas-Sliema

“Biex ngħid il-verità, meta qrajna l-ewwel paġni tal-istorja, ma fhimt xejn u għall-ewwel m’għoġbitnix. Iżda meta bdejna nidħlu fl-istorja u nevalwaw dak li kien qed jiġri, bdejt nieħu interess. Il-Ħarsa ta’ Ruzann huwa storja fenomenali għax edukattiv ħafna. Tgħallimt ħafna fuq l-aspetti storiċi, kulturi u soċjali ta’ Malta. Grazzi għal din l-istorja, jiena interessajt ruħi dwar l-istorja ta’ Malta, u rrealizzajt kemm batew u ħadmu l-antenati tagħna l-Maltin biex naslu s’hawn.  Il-Ħarsa ta’ Ruzann hu rumanzett, li jekk mgħallem sew, jista’ jgħin u jeduka bosta studenti jew oħrajn dwar ħafna aspetti sbieħ ta’ Malta. Għoġbitni ħafna u ħadt gost naqra u ninterpretha waqt il-lezzjonijiet.”  – Debbie Warrington, Skola St Joseph, Tas-Sliema.

Categories: 1

0 Replies to “Il Harsa Ta Ruzan Essay Contest”

Leave a comment

L'indirizzo email non verrà pubblicato. I campi obbligatori sono contrassegnati *